Aqbeż għall-kontentut

Filfla

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Filfla
gżira, military training area
Native labelFilfla Immodifika
PajjiżMalta Immodifika
Entità amministrattiva territorjali fejn tinstabŻurrieq Immodifika
PostMalta Immodifika
Located in or next to body of waterBaħar Mediterran Immodifika
Located in/on physical featureMalta Immodifika
Koordinati35°47′18″N 14°24′38″E Immodifika
Avveniment sinifikantiearthquake Immodifika
Map

Filfla hija gżejra ġeoloġikament fqira li tinsab xi ħames kilometri 'l bogħod mill-kosta ta' Malta, u tinsab lejn in-Nofsinhar estrem tal-arċipelagu Malti. Filfoletta hija gżira ferm iżgħar u tinsab xi 100 metru lejn il-Lbiċ ta' Filfla.[1] Huwa maħsub li l-isem ta' din il-gżira hekk ċkejkna huwa derivat mill-kelma Għarbija "felfel" li tfisser tip ta' bżar.[2]

Mappa ta' Filfla

Il-gżira ta' Filfla tkopri erja ta' sitt ettari biss, u tista' tiġi deskritta bħala pjanura tal-franka mdawra minn irdumijiet li jlaħħqu mas-60 metru għoli. Hija gżira li qiegħda kontinwament tittiekel mill-elementi tan-natura. Tliet speċi ta' għasafar tal-baħar jgħixu fuq din il-gżejra u dawn huma: il-kangu tal-Ewropa (huwa stmat li hemm bejn il-ħamest elef u t-tmint elef par), iċ-ċiefa (xi mitejn par) u l-gawwija prima (xi 130 par). Il-gżira ġiet identifikata bħala żona importanti għall-għasafar mill-assoċjazzjoni internazzjonali Bird-Life, prinċipalment minħabba l-kolonja dominanti tal-kangu tal-Ewropa.[3] Il-Podarcis filfolensis hija tip ta' gremxula li titla' mal-ħitan u l-bebbuxu tal-bibien (Lampedusa imitatrix gattoi) huma speċi endemiċi li jabitaw il-gżejra ta' Filfla. Il-kurrat kbir u salvaġġ jista' jikber sa żewġ metri għoli. L-aċċess għal Filfla huwa possibbli għal għanijiet edukattivi u xjentifiċi biss u l-viżitaturi jridu jiksbu l-permess speċjali mill-MEPA, l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar f'Malta.[4]

Fuq il-kosta Maltija, faċċata ta' Filfa, wieħed jista' jilmaħ is-siti arkeoloġiċi ta' Ħaġar Qim u tal-Imnajdra, it-Torri tal-Ħamrija (wieħed mit-13-il torri tal-għassa li l-Gran Mastru Martin de Redin kien bena madwar ix-xtajtiet ta' Malta sabiex iservu ta' allarm kontra l-għadu) u l-mafkar ta' Walter Norris Congreve, wieħed mill-gvernaturi Brittaniċi ta' Malta, li kien midfun taħt il-baħar fil-fliegu ta' bejn Filfa u Malta.[4]

L-uniku bini permanenti li kien jeżisti fuq din il-gżira ċkejkna kien il-kappella mibnija ġewwa għar fl-1343[5][6], li sfat meqruda flimkien mal-għarqa ta' parti mill-gżira stess permezz ta' terremot li laqat il-gżejjer Maltin fl-1856. Mappa ta' Malta li tmur lura għall-1798 turi li kien hemm forti, fanal u monasteru b'kappella fuq Filfla.[7]

Matul il-ħakma Brittanika, il-forzi navali u tal-ajru tar-Renju Unit użaw l-gżira ta' Filfla bħala bersall ta' prattika. Dan l-użu waqaf fl-1971 u wieħed ġieli għadu jsib skrataċ użati fuq il-gżejra jew madwarha.[4] Filfla saret rikonoxxuta bħala riżerva naturali għall-għasafar fl-1980. Il-liġi li stabbiliet lil Filfla bħala riżerva naturali daħlet fis-seħħ fl-1988; liġi essenzjali li elevat ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess u l-użu tat-territorju, inkluż il-projbizzjoni tas-sajd minn mil nawtiku 'l ġewwa madwar il-gżira[8] sabiex jiġi assigurat l-għajxien tas-sajjieda għaliex seta' kien hemm xi materjal splussiv li kien għadu ma splodiex.[2]

Filfla ġiet invokata f'tilwim territorjali dwar il-blata kontinentali bejn il-Libja u Malta. Il-każ ittella' quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-1985 u essenzjalment il-gżejra ġiet injorata mill-kalkoli.[9][10]

Il-ġrajja tal-ħolqien ta' Filfla hija marbuta mal-leġġendi dwar il-formazzjoni tal-Maqluba. Skont leġġenda jingħad li ż-żona fejn issa hemm il-Maqluba kienet abitata minn nies li kienu jgħixu b'tant libertinaġġ li ġar widdibhom li kienu qed jgħixu fid-dnub, iżda huma ma tawx kas. Għaldaqstant Alla xtaq jikkastiga lill-midinbin billi jibla' l-insedjament, u salva biss lill-ġar għaqli. Imbagħad jingħad li l-anġli waddbu framment tal-insedjament fil-baħar, u b'hekk inħolqot il-gżejra ta' Filfla.[11]

Filfla ntużat bħala "Scab Island" fil-film tal-1980, "Popeye".

  1. ↑ Sciberras, Arnold u Jeffrey (2010). "Topography and Flora of the Satellite islets surrounding the Maltese Archipelago" (PDF).
  2. 1 2 Morana, Martin (2011). Bejn Kliem u Storja (bil-Malti). Malta: Books Distributors Limited. ISBN 978-99957-0137-6.
  3. ↑ "BirdLife International - conserving the world's birds". web.archive.org. 2007-06-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-12-11. Miġbur 2021-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. 1 2 3 "WATCH: An island cemetery for bombs on which no one can set foot - TVM News". web.archive.org. 2016-01-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-01-08. Miġbur 2021-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ↑ Attard, Anton F (2012). "Il-Castrum Terre Gaudisii u l-Origini tal-Matrici tal-Assunta f'Ghawdex". Festa Santa Marija. Leone Philharmonic Society (9): 70–77.
  6. ↑ "Filfla too had a chapel dedicated to Our Lady". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-28.
  7. ↑ "'Napoleon' map gives a tantalising clue to the past". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-28.
  8. ↑ Università ta' Malta. "Marine Protected Areas in the Maltese Islands" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2021-08-28.
  9. ↑ Hance D. Smith (1991). The Development of Integrated Sea Use Management. Taylor & Francis. p. 82. ISBN 978-0-415-03816-4.
  10. ↑ "ICJ case" (PDF).
  11. ↑ Vanhove, Martine (1993). Harrassowitz Verlag, Otto (ed.). La langue maltaise: études syntaxiques d'un dialecte arabe "périphérique". Geulogy (bil-Franċiż). pp. 477-533. ISBN 9783447033428.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]